L-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jagħmilha ċara li fil-qadi tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu, ir-Regolatur għandu jaġixxi skont il-ġudizzju individwali tiegħu u ma jistax ikun soġġett għal direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra. Minkejja dan, hu jkun obbligat li jattendi l-Kumitat ta’ Monitoraġġ, kif stabbilit mill-Att dwar iċ-Ċittadinanza li huwa presjedut mill-Prim Ministru u li fih hemm ukoll il-Ministru responsabbli miċ-Ċittadinanza Maltija u l-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex jirrapporta lejn il-Membri, jekk ikun mitlub.
F’dan ir-rigward huwa mportanti li nindikaw li l-Att dwar iċ-Ċittadinanza jagħmilha wkoll imperattiv li għandu jkun id-dmir tal-Agenzija fl-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ ċittadinanza b’naturalizzazzjoni għall-servizzi eċċezzjonali jew f’termini tal-Programm tal-Investitur Individwali jew kwalunkwe kwistjoni oħra li dwarha r-Regolatur huwa assenjat funzjonijiet taħt is-subartikolu 25(4) tal-Att imsemmi hawn fuq, biex jagħti lir-Regolatur tali dokumenti jew informazzjoni kif mitlub minnu bl-iskop li jippermettilu jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.