Ir-Regolatur

Il-ħatra tar-Regolatur (Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali) qabel intitolat “Regolatur Programm ta’ Investitur Individwali” u l-funzjonijiet tal-Uffiċċju tiegħu huma regolati mill-proviżjonijiet tal-Artiklu 25 tal-Att​ dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188)​​, kif emendati bl-Att 38 tal-2020. Dan jgħid li l-persuna tinħatar mill-Prim Ministru wara li jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Ir-rekwiżiti prinċipali sabiex tali persuna tkun eliġibbli għall-ħatra huma li din f’xi żmien qabel kellha l-kariga ta’ Imħallef, jew Maġistrat, jew li kellha l-kariga ta’ Avukat Ġenerali, Avukat tal-Istat jew Segretarju Permanenti jew li pprattika bħala avukat jew awditur jew accountant f’Malta għal żmien ta’ mhux inqas minn tnax-il sena. Hu stipulat ukoll li matul iż-żmien li fih ir-Regolatur ma jkunx maħtur, l-Ombudsman (maħtur taħt l-Att dwar l-Ombudsman) għandu jaġixxi ex officio bħala Regolatur.

Ir-Regolatur għandu jżomm il-kariga skont it-termini tal-ħatra tiegħu. B’żieda mal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att u dawk il-funzjonijiet oħra kif jistgħu jiġu assenjati lilu taħt kull liġi, ir-Regolatur għandu jiżgura li l-proċess tal-għoti ta’ ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali jew f’termini tal-programm ta’ investitur individwali jiġi segwit. B’mod partikolari, kif indikat f’Artiklu 25A tal-Att prinċipali, ir-Regolatur jista’ jinvestiga lmenti rċevuti dwar il-proċess li sar matul il-valutazzjoni ta’ eligibilita kif provdut fir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali tal-2020 jew dwar rifjut mill-Ministru ta’ applikazzjonijiet f’termini tal-Programm ta’ Investitur Individwali kif provdut fir-Regolamenti tal-Programm ta’ Investitur Individwali tal-2014.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru jista’ b’Regolamenti, jassenja lir-Regolatur kull dmir jew funzjoni oħra li jkollha x’taqsam ma’ ċittadinanza.​

Awtonomija u Poteri

Hekk kif stipulat f’Artiklu 25(5) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza fil-qadi tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att, ir-Regolatur għandu jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u m’għandux ikun soġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra. Għandu jkun id-dmir tal-Agenzija fl-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti taċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni permezz ta’ servizzi eċċezzjonali jew ta’ kull kwistjoni oħra li jkollha x’taqsam mal-funzjonijiet tar-Regolatur taħt is-sub artikolu (4) li tagħti lir-Regolatur dawk id-dokumenti jew informazzjoni li dan jista’ jitlob sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu. L-istess japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet riċevuti f’termini tal-Programm ta’ Investitur Individwali.

Rappurtaġġ

Ir-Regolatur jista’, minn żmien għal żmien, jirrapporta lill-Ministru fuq kull kwistjoni li jkollha x’taqsam mal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att prinċipali. B’mod partikolari ir-Regolatur għandu jagħmel rapport annwali fuq il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu lill-Ministru, liema rapport annwali m’għandux jinkludi data personali li jkollha x’taqsam ma’ individwi li jkunu kisbu ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali jew il-programm ta’ investitur individwali. Il-Ministru għandu jqiegħed kopja ta’ kull rapport annwali fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rapprezentanti malajr kemm jista’ jkun wara li r-rapport ikun sar lilu.

Ir-Regolatur ikun mistenni (jekk jintalab) li jattendi laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ imwaqqaf skont il-proviżjonijiet ta’ Artiklu 25B tal-Att prinċipali biex jagħmel moniteraġġ fuq it-tħaddim tal-proċess għall-għoti taċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali. Il-Kumitat (li għandu jirregola l-proċeduri tiegħu) hu magħmul mill-Prim Ministru, il-Ministru responsabbli minn affarijiet relatati ma’ ċittadinanza Maltija u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-laqgħat huma presjeduti mill-Prim Ministru.​

Regolaturi maħtura