L-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (LTI) (Kap 496) jagħti l-possibilità lil persuni eliġibbli sabiex jissottomettu talbiet LTI lil Awtoritajiet Pubbliċi stabbiliti. Bħala waħda mill-Awtoritajiet Pubbliċi desinjati, l-Uffiċċju tar-Regolatur, għall-Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (UR-GħĊSE) hu marbut mal-provedimenti ta’ dan l-Att (inkluż leġislazzjoni sussidjarja relatata) L-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (LTI) (Kap 496) jagħti l-possibilità lil persuni eliġibbli sabiex jissottomettu talbiet LTI lil Awtoritajiet Pubbliċi stabbiliti.
Hawnhekk għandek issib iktar informazzjoni dwar l-UR-GħĊSE.
Il-kategoriji ta’ dokumenti miżmuma mill-UR-GħĊSE huma:
a) Rapporti magħmula mir-Regolatur fuq il-programm tal-investitur Individwali u għall-Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali
b) Korrispondenza li jirċievi jew jibgħat ir-Regolatur
ċ) Dokumenti relatati ma lmenti li jirċievi r-Regolatur
d) Listi ta’ kontrolli wżati mill-UR-GħĊSE sabiex jiġu ċċekkjati l-applikazzjonijiet
e) Rapporti ta’ kull xahar sottmessi mill-MIIPA/Komunità Malta, liema rapporti joħorġu mill-iċċekkjar tal-applikazzjonijiet
f) formola ta’ lmenti (D2) hija meħtieġa li tiġi sottomessa b’konnessjoni ma’ rifjuti ta’ ċittadinanza Maltija skont ir-Regoli tal-GħĊSE 2020
g) Linji Gwida Operazzjonali tal-UR-GħĊSE
h) Approvazzjoni ta’ Livelli ta’ Sigurtà fl-UR-GħĊSE
i) Dokument ta HR konnessi mal-impjegati tal-UR-GħĊSE
j) Kopji ta’ leġislazzjoni relatata (kemm prinċipali kif ukoll sussidjarja)
Fil-kas ta’ talba LTI, hu relevanti li wieħed jinnota dan li ġej:
Sabiex persuna tkun eliġibbli biex tissottometti talba LTI, din trid tkun residenti f’Malta (u tkun ilha hekk għal perjodu ta’ mhux inqas minn ħames snin). Tali persuna trid tkun ċittadin jew ta’ Malta jew ta’ stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadin ta’ kull stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom dritt, bis-saħħa ta’ trattat bejn dak l-Istat u l-Unjoni Ewropea, li f’Malta jiġu trattati bl-istess mod bħal ċittadini ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Talbiet (jew ilmenti) tal-LTI li jkunu ta’ natura ġenerali relatati mal-UR-GħĊSE għandhom jintbagħtu f’format elettroniku b’imejl (fl-indirizz [email protected]) jew permezz tal-formola “Ikkuntattjana” jew direttament mill-websajt tal-Libertà tal-Informazzjoni. Fil-kas tal-websajt tal-Libertà tal-Informazzjoni, applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu minn hawn.
Il-ħinijiet ta’ ftuħ tal-UR-GħĊSE huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa (minbarra fil-Festi Pubbliċi) bejn is-7:30am u s-2:30pm is-sena kollha.
Meta applikant jissottometii talba tal-LTI ikun meħtieġ li, apparti milli jipprovdu dettalji ta’ fejn jistgħu jiġu kkuntattjati, jagħtu indikazzjoni tad-dokument/informazzjoni li jixtiequ jottjenu. Ikunu jridu wkoll jindikaw il-format li fih ikunu jixtiequ jirċievu d-dokument/informazzjoni – jew bħala kopja pprintjata, kopja elettronika, f’forma ta’ estratt tal-kontenut jew permezz ta’ spezzjoni, fuq il-post, tad-dokument/informazzjoni mitlub/a. L-UR-GħĊSE jista’ jitlob kopji tal-Karta ta’ Identità jew passaport u/jew dokumenti addizzjonali, kif meqjus neċessarju, fil-kaz ta’ talbiet relatati speċifikament mal-individwu u ma assi/interessi/dritt ta’ aċċess tal-istess individwu.
Fis-sustanza, wieħed ikun jista jitlob għal kull oġġett miżmum mill-UR-GħĊSE u li fuqu kienet irreġistrata informazzjoni fi kwalunkwe forma, inklużi data elettronika, immaġni, mudelli skont skala u rappreżentazzjonijiet viżwali oħrajn, u reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjow, irrispettivament jekk l-informazzjoni tistax tinqara, tidher, tinstama’ jew tinġieb lura bl-għajnuna ta’ xi oġġett jew apparat ieħor jew mingħajr din l-għajnuna. Tista’ wkoll tintalab dokumentazzjoni li jkun fiha politiki, prinċipji, regoli jew linji gwida li skonthom jittieħdu deċisjonijiet jew rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk persuni eliġibbli għandhom id-dritt li jitolbu informazzjoni (f’forma ta’ dikjarazzjoni bil-miktub) fuq deċiżjoni jew rakkomandazzjoni magħmula fuqhom jew fuq xi korp ġuridiku li jkunu qed jirrappreżentaw.
Talbiet LTI ikunu kkonfermati bil-miktub mill-UR-GħĊSE permezz ta’ acknowledgement. Dan id-dokument ikun jinkludi numru ta’ referenza uniku u indikazzjoni ta’ data sa meta għandha tingħata tweġiba. Il-formola tkun tinkludi wkoll informazzjoni speċifika relatata mal-UR-GħĊSE, bħall-indirizz, numru tat-telefon, indirizzi tal-imejl, ħinijiet tal-ftuħ u anke dettalji tal-proċeduri interni dwar ilmenti.
Meta tirċievi l-formola tal-applikazzjoni l-UR-GħĊSE jivverifika jekk din tikkwalifikax bħala talba LTI u jinforma lill-applikant f’każ li ma tikkwalifikax. Jekk jirriżulta li jkun hemm bżonn ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali l-applikanti jkunu kkuntattjati mill-UR-GħĊSE u jingħataw kull għajnuna possibbli sabiex jiġi assigurat li t-talba tkun skont il-proviżjonijiet tal-Att. Madanakollu, meta jibagħtu talba LTI, applikanti m’humiex marbuta li jipprovdu xi ġustifikazzjoni għalfejn ikunu qed jitolbu għal dokumentazzjoni jew informazzjoni partikolari.
L-UR-GħĊSE jivverifika wkoll jekk fil-fatt għandux kopja tad-dokument jew informazzjoni mitluba. Jekk le l-UR-GħĊSE jipprova jidentifika lil liema entità għandha tintbagħat it-talba u jittrasferixxi l-applikazzjoni lilha (u fl-istess ħin jinforma lill-applikant). L-applikant jiġi nformat ukoll jekk ma tiġi identifikata ebda entità oħra (jiġifieri d-dokument jew informazzjoni ma jkunu abbinati ma ebda awtorità pubblika oħra).
Meta jistabbilixxi li l-applikazzjoni tikkwalifika bħala talba LTI u li tista’ tiġi indirizzata minnu, l-UR-GħĊSE jiddetermina jekk ikunx jista’ jagħti aċċess għad-dokument/informazzjoni mitluba (kollha jew parti minnha) jew jekk hu għandux jirrifjuta t-talba. Qabel ma jieħu deċiżjoni, l-UR-GħĊSE jikkunsidra jekk tkunx tapplika xi eżenzjoni imniżżla fl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. L-UR-GħĊSE, għandha tissottometti notifika dwar jekk it-talba hijiex ser tiġi aċċettata jew le fi żmien għoxrin ġurnata ta’ xogħol mid-data ta’ meta jirċievi t-talba. Tista tingħata estensjoni ta’ għoxrin ġurnata oħra, bit-total jitla’ għal massimu ta’ erbgħin ġurnata tax-xogħol, mid-data ta’ meta ġiet riċevuta t-talba oriġinali.
Meta jibgħat ir-risposta lill-Applikant, l-UR-GħĊSE jindika jekk japplikawx xi ħlasijiet. Jekk iva, dawn il-ħlasijiet ikunu qed ikopru biss l-ispejjeż li jsiru sabiex id-dokument jingħata lill-applikant, jiġifieri siegħat ta’ xogħol marbuta mal-ipproċessar, spejjeż ta’ fotokopji/faxes u midja diġitali u spejjeż marbuta ma’ spezzjoni tad-dokument/i. Madanakollu il-ħlas totali li jrid isir ma jaqbiżx l-€40. Ebda ħlas ieħor ma jintalab jekk jintbagħtu applikazzjonijiet jew ilmenti ta’ natura ġenerali relatati mal-UR-GħĊSE.
Ħlasijiet huma regolati minn A.L. 158 tal-2010.
Jekk l-applikant ma jkunx sodisfatt bit-tweġiba li jingħata mill-UR-GħĊSE dwar it-talba, dan ikun intitolat li jibgħat ilment. Meta jirċievi l-ilment l-UR-GħĊSE jibgħat it-tweġiba tiegħu. Jekk, sussegwentement, l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bit-tweġiba mogħtija, hu/hi jista’/tista’ tagħmel appell għand il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Jekk eventwalment l-applikant jibqa’ mhux sodisfatt bir-risposta li jingħata, ikun jista’ jappella quddiem it-Tribunal tal-Appelli dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u, sussegwentement, quddiem il-Qorti tal-Appell.
Ilmenti jistgħu jintbagħtu għal dawn ir-raġunijiet:
- L-UR-GħĊSE applika estensjoni għall-għoxrin ġurnata ta’ xogħol stabbiliti bħala terminu ta’ skadenza.
- L-UR-GħĊSE qed jitlob ħlas li hu kkunsidrat bħala eċċessiv.
- Id-dokument mhux qed jingħata fil-forma mitluba.
- It-talba ġiet rifjutata (ez. It-talba ma ġietx aċċettata bħala talba LTI).
- L-UR-GħĊSE ma jirrispettax it-terminu ta’ skadenza ta’ 20 ġurnata xogħol (jew it- terminu ta’ skadenza indikat fin-notifika ta’ estensjoni jekk dan hu applikabbli) sabiex tintbagħat tweġiba.
L-applikanti jistgħu jissottomettu ilment permezz tal-websajt IDPL billi jikklikkjaw hawn.
Meta l-UR-GħĊSE jinforma lill-Applikant li se jingħata aċċess għad-dokument/informazzjoni, l-Applikant jiġi mitlub li jħallas il-pagament (jekk dan hu applikabbli). F’dan l-istadju l-UR-GħĊSE jista’ jaċċetta biss ħlas permezz ta’ ċekk (jiġifieri mhux flus). Dawn għandhom ikunu pagabbli lis-“Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol”.
Jekk ċekkijiet jintbagħtu bil-posta dawn għandhom jintbagħtu fl-indirizz indikat iktar ‘il fuq. Jekk mill-banda l-oħra, l-applikant ikun jixtieq jgħaddi ċ-ċekk direttament, jista’ jiddeċiedi li jmur fiżikament jew fid-Direttorat għall-Finanzi u l-Amministrazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol jew fl-Uffiċċju tal-UR-GħĊSE u jiddepożita ċ-ċekk hemm. Fi kwalunkwe każ, ċekkijiet jgħaddu għand l-imsemmi Direttorat għall-Finanzi sabiex jiġu pproċessati u sabiex tinħarġilhom riċevuta.
Fi żmien għaxart ijiem wara li jsir il-ħlas l-UR-GħĊSE jipprovdi d-dokument/informazzjoni fl-istess forma li jkun talab l-applikant oriġinarjament u, jekk dan mhux possibbli, fi kwalunkwe format ieħor li l-UR-GħĊSE jidhirlu li hu xieraq. Applikanti li jissottomettu talba permezz tal-portal tal-LTI (foi.gov.mt) ikollhom il-possibilità li jniżżlu d-dokument jew informazzjoni direttament mis-sit.
Jekk ma japplika ebda ħlas id-dokument jew informazzjoni jingħata fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika. It-talba tiġi kkunsidrata bħala abbandunata mill-applikant jekk il-pagament ma jiġix affettwat fi żmien għoxrin ġurnata xogħol mid-data tan-notifika.