IR-REGOLATUR

Carmel De Gabriele

Ir-Regolatur

Ufficju tar-Regolatur, Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali

Twieled iż-Żejtun fit-8 ta’ Diċembru 1943. Miżżewweġ lil Miriam. Missier ta’ tnejn u nannu ta’ tlieta.

Daħal fis-Servizz Pubbliku f’Ġunju tal-1964 u rtira f’Diċembru tal-2005 wara karriera ta’ 41 sena, fejn tela fil-gradi sakemm ġie appuntat bħala Segretarju Permanenti. Għall 29 sena (1968-1997) ħadem u ddistingwa ruħu fid-dipartimenti u l-Ministeru tal-Ħarsien Soċjali. Fl-aħħar 8 snin tal-karriera tiegħu huwa serva bħala Kummissarju Elettorali Ewlieni u Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali fejn kien responsabbli għall-organizzazzjoni tal-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1998 u 2005, ir-Referendum tal-Unjoni Ewropea tal-2003, l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2004 u diversi elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Is-snin ta’ wara l-irtirar ‘il bogħod mis-Servizz Pubbliku kienu karatterizzati, l-ewwel b’perjodu ta’ sentejn (bejn Ottubru 2013 u Settembru 2015) bħala Konsulent tal-Identity Malta fuq xogħol relatat mal-Proġett ta’ Tiġdid tal-Massa tal-Karta tal-Identità, u mbagħad bil-ħatra tiegħu mill-Prim Ministru fi Frar tal-2016 bħala Regolatur tal-Programm ta’ Investitur Individwali, (li minn Awwissu tat-2020 sar jissejjaħ Għoti taċ-Ċittadinanza għall-Servizzi Eċċezzjonali) għal perjodu ta’ sentejn, f’liema kariga, sal-lum, baqa’ jiġi imġedded kull sentejn.